info@ifsp.org.mt

+356 2569 6352

Top
 

Stqarrija mill- Ufficju tal- Prim Ministru – Pakkett finanzjarju ta’ €1.81biljun sabiex tkun mgħejjuna l-ekonomija

Stqarrija mill- Ufficju tal- Prim Ministru – Pakkett finanzjarju ta’ €1.81biljun sabiex tkun mgħejjuna l-ekonomija

​“Qed iniedu pakkett b’saħħtu sabiex nipproteġu lill-familji u lin-negozji għax konna bil-għaqal” –  il-Prim Ministru Robert Abela.

 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministri Edward Scicluna u Silvio Schembri, ħabbar pakkett finanzjarju ieħor ta’ kważi €2 biljuni sabiex l-ekonomija tkun mgħejjuna waqt l-imxija ta’ Covid-19.

 

Il-Prim Ministru saħaq li dan il-Gvern ma ħasibx biss għas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi li dik tibqa’ l-prijorità assoluta iżda qed jaħseb għall-ekonomija wkoll għax l-ekonomija hija dik li tiggarantixxi l-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi.

 

Dr Robert Abela stqarr li l-mizuri huma maħsuba sabiex wara li noħorġu minn dan il-perjodu, l-ekonomija tkompli tiġri ’l quddiem filwaqt li saħaq li l-mizuri huma costed u li jaħsbu fis-sostenibilità, li jaħsbu fl-eventwalità li dan il-mument itul aktar milli nixtiequ, iżda anke jekk ma jdumx se naraw li n-negozji u l-familji jibqgħu jkunu ssaportjati minn dan il-mument li ninsabu fih.

 

“Dan il-pakkett ta’ mizuri stajna naħdmu fuqu għax konna bil-għaqal, dejjem ħsibna fil-ħazin biex it-tajjeb ma jonqosx u l-ġurnata fejn hemm bżonn l-għajnuna waslet”, qal il-Prim Minstru.

 

Dr Abela spjega li dan huwa pakkett li huwa maħsub sabiex jipproetġi l-likwidita tan-negozji minn dan il-perjodu u l-poplu. Il-Prim Ministru filfatt silet waħda mill-mizuri meħtieġa li kienet dik dwar il-leave tal-kwarantina – illum qegħdin nagħtu €350 għal kull impjegat lin-negozji talli huma ħallsu l-leave tal-kwarantina.

 

Dan hu pakkett maħsub sabiex jipproteġġi lin-nies, lil ħaddiema, self-employed, ħaddiema, lill-familji li għandhom it-tfal. Se naħsbu lil dawk li jridu jħallsu self lura lil banek, lil dawk il-persuni li jridu aktar sussidju ta’ kera, se naħsbu f’dawk il-persuni li għandhom diżabilità u li ma jistgħux jibqgħu jaħdmu, qal Dr Abela.

 

Fl-aħħarnett il-Prim Ministru tenna li se naħdmu sabiex ma jintilfux impjiegi iżda kemm il-darba jkun hemm dik l-eventwalità l-Gvern se jkun qed jaħseb għalhekk.

 

Il-mizuri mħabbra mill-Ministru tal-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna kienu li se jingħata:

 

 

  • Pakkett ekonomiku sabiex jagħti l-likwidità lin-negozji ta’ €1.6 biljuni li jinqasam: €700 miljun f’kontijiet tat-taxxa li jitħallsu aktar ’il quddiem u €900 miljun f’dawk li huma garanziji bankarji;

 

  • Huwa previst li l-posponiment tal-ħlasijiet ta’ income-tax, VAT u kontribuzzjonijiet tal-bolla ta’ Marzu u April kemm għal min iħaddem u s-self-employed se jkun ilaħħaq għal madwar €400-€700miljun;

 

  • Bis-saħħa tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali se jkunu qed jingħataw sa €150miljun f’dawk li huma garanziji bankarji;

 

  • Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar injezzjoni diretta ta’ €210miljuni (1.5% tal-PGD) sabiex tkun mgħejjuna l-ekonomija u jkunu mħarsa l-impjiegi b’dan il-mod:

 

  • Żieda ta’ €35miljun għall-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jiġġieldu l-Covid-19 – għal din il-mizura mhux se jkun hemm limitu;

 

  • Se jingħataw €350 lil min iħaddem għal kull impjegat fuq quarantine leave;

 

  • Se jingħata leave addizjonali ta’ xaharejn imħallas bir-rata ta’ €800 fix-xahar li jkopri leave għall-familji lil 12,000 familja fejn il-ġenituri t-tnejn li huma jaħdmu u fejn ma jistax isir teleworking u allura xi ħadd irid jieħu ħsieb lit-tfal – din il-mizra se tiswa sa €16 –il miljun;

 

  • Bejn 20,000 u 44,000 ħaddiem li jaħdmu f’intrapriżi li l-aktar li sofrew mis-sospensjoni tal-operat minħabba deċiżjonijiet li ħa l-Gvern sabiex jipproteġi s-saħħa tan-nies bħal dawk fl-oqsma tal-akkomodazzjoni, ristoranti, dawk ta’ entertainment u l-iskejjel li jgħallmu l-lingwi li jitħallsu ta’ jumejn fil-ġimgħa bbażati fuq is-somma ta’ €800 fix-xahar – din il-mizura se tiswa sa €3miljuni fil-ġimgħa; 

 

  • Bl-istess mod dawk is-self-employed, madwar 5,700, li jaħdmu fl-qosma msemmija aktar ‘il fuq se jkunu qed jitħallsu ta’ jumejn fil-ġimgħa bbażati fuq €800 fix-xahar filwaqt li dawk li jħaddmu aktar nies magħhom se jkunu qed jitħallsu ta’ 3 t’ijiem;

 

  • Dawk l-intrapriżi li sofrew tal-inqas tnaqqis fl-operazzjonijiet tagħhom b’25% se jkunu qed jingħataw ħlas ta’ ġurnata fil-ġimgħa bbażata fuq €800 fix-xahar – jistgħu jkunu milquta sa 47,500 ħaddiem – din il-mizura se tiswa sa €1.6miljun fil-ġimgħa;

 

  • Dawk is-self-employed, madwar 9,600,u li sofrew tal-inqas tnaqqis fl-operazzjonijiet tagħhom b’25% jew aktar se jkunu qed jingħataw ħlas ta’ ġurnata fil-ġimgħa bbażata fuq €800 fix-xahar, dawk li se jħaddmu n-nies magħhom se jingħataw jumejn flok ġurnata – din il-mizura se tiswa madwar €450,000 fil-ġimgħa;

 

  • Dawk il-ħaddiema li setgħu jew jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom b’effettt mid-9 ta’ Marzu 2020 se jkunu qed igawdu minn benefiċċju temporanju gdid ta’ €800 fix-xahar;

 

  • Persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu mid-dar iżda bilfors iridu jibqgħu d-dar minħabba l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu b’rabta ma’ Covid-19 u d-diżabiltà tagħhom se jkunu qed jingħataw €800 fix-xahar;

 

  • Dawk li ha jitilfu l-mpjieg tagħhom u għandhom kera xi jħallsu li iżda ma kienux jikwalifikaw għas-sussidju tal-kera ser jikwalifikaw għal dan is-sussidju;

 

  • Il-Gvern se jkun qed jżid wkoll is-sussidju tal-kera fejn kien hemm dipendenti wieħed li spiċċa tilef l-impjieg tiegħu u li kienu diga jibbenefikaw min dan is-sussidju;

 

  • Dawk l-intrapriżi li se jkunu tterminaw l-impjieg ta’ impjegat mhux se jkunu jistgħu joffru kuntratt ta’ impjieg lil Third-country nationals minflok;

 

  • Malta mhux ser tilqa’ iktar applikazzjoni ta’ Third-country nationals ħlief dawk li huma highly-skilled;
  • Se jkun hemm għajnuna sabiex jinstab impjieg alternattiv għal dawk it-Third country nationals li jitilfu l-impjieg tagħhom;

 

  • Jobsplus niedew servizz sabiex ikunu assistiti residenti li spiċċaw mingħajr impjieg, third country nationals li spiċċaw bla impjieg sabiex tgħin f’dak li huwa permessi għax-xogħol filwaqt li se jkunu mgħejjuna dawk li jħaddmu sabiex isibu nies ġodda.

 

Source:  Government of Malta 

Cancel